gov.mt

PR261530

PR261530

22/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi 800 intervent fil-ġimgħa mill-ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni matul is-sajf



Matul ix-xhur tas-sajf il-ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni wettqu kważi 800 intervent skedat fil-ġimgħa, f’ħidma kontinwa fit-toroq, fl-ispazji pubbliċi u fiż-żoni kostali madwar Malta, b’interventi li jkopru għexieren ta’ lokalitajiet u li se jkomplu wkoll fix-xhur tal-ħarifa, biex jinżammu nodfa, miżmuma u aċċessibbli għall-komunitajiet u għal dawk kollha li jżuruhom.

Propju fl-aħħar jum tas-sajf, il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civeli għamlet żjara lill-ħaddiema ta’ din id-Diviżjoni, fejn ġie enfasizzat ix-xogħol estensiv u kontinwu li twettaq matul ix-xhur tas-sajf madwar Malta.

L-iskeda operattiva tas-sajf kienet tinkludi 112-il rotta differenti għat-tindif tat-toroq u tal-ispazji pubbliċi, b’total ta’ 588 intervent skedat fil-ġimgħa. Ma’ dawn żdiedu 32 rotta oħra speċifiċi għall-bajjiet u ż-żoni kostali, li matul il-perjodu tas-sajf kienu jammontaw għal 209 interventi oħra fil-ġimgħa. B’kollox, il-ħidma tad-Diviżjoni kienet tirrappreżenta sa 797 intervent skedat fil-ġimgħa bejn tindif urban u xogħol fuq il-kosta.

Il-Ministru Zerafa Civelli saħqet li dan l-impenn kontinwu juri b’mod ċar il-prijorità li l-Gvern jagħti lil-livell ta’ għajxien u l-indafa fil-lokalitajiet kollha tagħna. “Il-poplu jistenna servizzi pubbliċi ta’ livell u ambjent nadif, u l-ħidma bla heda tal-ħaddiema tagħna hija xhieda ta’ Gvern li ma jaħdimx biss fl-aqwa tas-sajf, iżda li jikseb riżultati tanġibbli għall-komunitajiet matul is-sena kollha,” iddikjarat il-Ministru.

Hija sostniet li l-Gvern se jkompli jinvesti fl-aqwa riżorsi u teknoloġija biex jiżgura li d-Diviżjoni jkollha l-għodda kollha meħtieġa biex twassal standard ta’ ndafa li jixraq lill-familji kollha Maltin u Għawdxin.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, Jude Zammit, spjega lill-ħidma mwettqa mill-ħaddiema tad-Diviżjoni ma kinitx limitata għall-knis tat-toroq, iżda kienet tinkludi wkoll knis manwali ta’ toroq prinċipali u residenzjali, ġbir ta’ skart u boroż, tindif u manutenzjoni tal-bins, ġbir ta’ skart mitluq, tindif ta’ spazji pubbliċi, ħasil u deep cleaning, knis mekkanizzat, kif ukoll tindif wara attivitajiet u interventi matul il-lejl.

Fir-rigward tal-bajjiet u fiż-żoni kostali, il-ħaddiema komplew bit-tindif tal-foreshore, ġbir u tindif ta’ bins u boroż, litter picking matul il-ġurnata u, fejn ikun meħtieġ, tindif mekkanizzat tar-ramel. Matul l-aqwa tal-istaġun tas-sajf, il-programm għall-bajjiet u ż-żoni kostali waħdu kien jirrappreżenta madwar 3,744 siegħa ta’ xogħol fil-ġimgħa, mifruxa fuq tmien żoni kostali.

Biex din il-ħidma tkun tista’ titwettaq b’mod kontinwu u effiċjenti, il-ħaddiema jużaw taħlita ta’ road sweepers, vetturi għall-ġbir tal-iskart, tippers u vetturi ta’ appoġġ, road washers, tagħmir mobbli u, fejn ikun meħtieġ, makkinarju speċjalizzat għall-bajjiet u l-kosta. Minkejja l-użu tal-makkinarju, il-ħidma manwali tibqa’ komponent essenzjali tas-servizz, b’mod partikolari f’żoni fejn il-makkinarju ma jistax jasal jew fejn ikun meħtieġ xogħol aktar dettaljat. Biex twettaq dan ix-xogħol, id-Diviżjoni għamlet użu minn flotta ta’ 204 assi u vetturi speċjalizzati

Din il-ħidma issa se tkompli fix-xhur li ġejjin, b’operat li jiġi adattat ukoll skont il-kundizzjonijiet tat-temp u l-ħtiġijiet li jġib miegħu l-bdil fl-istaġun. Id-Diviżjoni qed tkompli taħdem biex is-servizz ikun aktar organizzat, effiċjenti u responsabbli, permezz ta’ rotot ippjanati, aktar użu ta’ tagħmir mekkanizzat u koordinazzjoni aħjar tar-riżorsi.


​​